Kreattiv Award Ceremony – 10.12.14

Kreattiv Award CeremonyKreattiv Award CeremonyKreattiv Award Ceremony

Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Diċembru żewġ studenti miċ-Ċentru tar-Riżorsi attendew għaċ-Ċerimonja ta’ Preżentazzjoni tal-fond Kreattiv f’isem l-istudenti u l-membru kollha taċ-Ċentru. Bis-saħħa ta’ dan il-fond, din is-sena ċ-Ċentru imbarka fuq il-proġetti Different Artistic Abilities u Mural Project. L-ewwel proġett jikkonsisti f’tlett spazji ta’ kreattività għall-istudenti taċ-Ċentru:

  • Id-Dance and Movement Workshops, fejn l-istudenti, flimkien ma’ professjonisti f’dan il-qasam, qegħdin jesploraw l-espressjoni ta’ dak li jħossu u dak li jixtiequ f’movimenti artistiċi;
  • Dak taċ-Ċeramika, li qed joffri għall-ewwel darba fiċ-Ċentru l-opportunità biex l-istudenti imissu l-fuħħar, jaħdmu bih hands-on u, bil-gwida tal-professjonisti, jibnu l-kreazzjonijiet tagħhom;
  • U t-tielet qasam, dak tad-Dance Therapy, jinkoraġġixxi l-istudenti biex jikkomunikaw permezz ta’ movimenti, żfin u espressjonijiet artistiċi.

Għall-Mural Project intagħżlu żewġ stejjer li fihom messaġġ edukattiv. L-istudenti magħżula qed jaħdmu mal-artist James Micallef Grimaud u l-għalliema tal-literacy u tal-Artefacts. L-istudenti ħarġu l-ħsieb tal-istejjer biex minnu għażlu tema li fuqha ser joħolqu tpinġija fuq murals. Dan il-proġett huwa parti minn proġett akbar li qed isir ma’ tliet skejjel differenti.

B’dawn il-proġetti l-istudenti jistgħu jesploraw modi oħra kif jesprimu ruħhom anke jekk dawn ma jistgħux jikkomunikaw verbalment. Il-mużika, l-arti u l-enerġija li jġibu magħhom dawn l-ispazji kreattivi għandhom is-saħħa li jinkoraġġixxu lil dawn l-istudenti biex jipparteċipaw, jgawdu u jikbru minn din l-esperjenza.

Waqt iċ-Ċerimonja l-istudenti kellhom iċ-ċans jiltaqgħu mal-Hon. Ministru tal-Kultura Owen Bonnici u ħadu din l-opportunità biex jirringrazzjawh ta’ dan ir-rikonoxximent.