JUM IĊ-ĊELEBRAZZJONI B’DIFFERENZA
Din is-sena għażilna li Jum iċ-Ċelebrazzjoni jkun tassew ċelebrazzjoni tal-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna f’diversi dixxiplini kreattivi bħaż-żfin, kant, drama u xogħol bit-tafal. Iċ-ċelebrazzjoni ma kinitx biss reċta u preżentazzjoni taċ-ċertifikati, iżda preżentazzjoni lill-ġenituri, edukaturi u mistiedna distinti ta’ dak kollu li tgħallmu rigward l-imsemmija dixxiplini mal-edukaturi tagħhom bl-interventi tant siewja ta’ artisti ta’ fama nazzjonali u anke internazzjonali.
Iż-żgħażagħ setgħu jakkwistaw dawn il-ħiliet artisitiċi, il-biċċa l-kbira għall-ewwel darba, grazzi għal żewġ inizzjattivi mwaqqfa mill-gvern ċentrali li huma l-Kreattiv u l-Premju tal-President għall-Kreattività. L-għan ewlieni ta’ dawn iż-żewġ inizzjattivi huwa li jġib lill-artisti fl-iskejjel sabiex jaħdmu mal-għalliema u l-istudenti sabiex jinspiraw, jgħallmu u joħolqu b’mod kollaborattiv u innovattiv. Filfatt fil-każ taż-żgħażagħ tagħna, l-għan ta’ dawn iż-żewġ inizzjattivi intlaħaq b’suċċess. Irrispettivament mid-diżabilità tagħhom iż-żgħażagħ kollha kellhom l-opportunità jipprattikaw tal-inqas waħda mid-dixxiplini ħafna minnhom għall-ewwel darba f’ħajjithom.
Permezz ta’ dawn iż-żewġ proġetti, iċ-Ċentru tagħna kellu l-opportunità jesperjenza u jevalwa l-impatt pożittiv li kellhom dawn id-dixxiplini/terapiji artistiċi fuq l-istudenti tagħna. L-artisti involuti kienu flessibbli biżżejjed biex jindirizzaw spektru ta’ bżonnijiet edukattivi differenti vast ħafna. Il-fatt li ħadd ma tħalla barra u li kull wieħed u waħda minnhom kellhom spazju fejn setgħu jesprimu ruħhom b’mod artistiku mill-aktar miftuħ kompla xpruna l-entużjażmu taż-żgħażagħ, tagħna bħala edukaturi u wisq aktar tal-artisiti li ħadmu magħhom.
L-aktar ħaġa importanti li rnexxieli nosserva waqt Jum iċ-Ċelebrazzjoni kienet li waqt il-preżentazzjoni ż-żgħażagħ anke dawk li l-abilità tagħhom ma tippermettix li jkunu daqshekk komunikattivi kemm verbali kif ukoll mhux verbali; kellhom espressjoni fuq wiċċhom ta’ xi ħadd sodisfatt u, li għalkemm għandu/ha disabilità għandu/ha wkoll abilità kbira. Jien nemmen li b’dan il-proċess bla dubju ż-żgħażagħ saru jemmnu aktar fihom infushom u fil-ħiliet tagħhom. Għalhekk Jum iċ-Ċelebrazzjoni b’differenza għax ma konniex aħna li premjajna lilhom iżda kienu huma li ppremjaw lilna billi wrewna bl-aktar mod ċar li dak kollu li qiegħdin nagħmlu magħhom kien qiegħed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Bħala parti finali miż-żewġ proġetti msemmija l-istess preżentazzjoni ser terġa’ tittella’ il-Belt Valletta fi Pjazza de Valette nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju 2015 bejn 9.30 u 11.00 ta’ filgħodu. Prosit lil kulħadd